Dwarna
Hawnhekk tista' ssib informazzjoni ġenerali dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (2021-2022).
Informazzjoni speċifika hija disponibbli wkoll dwar it-Temi tal-Konferenza kif ukoll dwar il-Plenarja tal-Konferenza u l-Gruppi ta' Ħidma tal-Plenarja.
Dwar xiex kienet il-Konferenza?
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa kienet eżerċizzju miftuħ u inklużiv fid-demokrazija deliberattiva kompletament ġdid. Dan ippermetta lill-Ewropej jaqsmu l-aspettattivi u l-ideat tagħhom dwar l-Ewropa u fformulaw proposti biex jgħinu jiggwidaw il-politiki futuri tal-UE.
Intlaħaq qbil dwaru mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea f'dikjarazzjoni konġunta ffirmata fl-10 ta' Marzu 2021 fi Brussell. It-tliet istituzzjonijiet, li l-Presidenti tagħhom iffurmaw il-Presidenza Konġunta, impenjaw ruħhom li jisimgħu lill-Ewropej u li jsegwu malajr ir-rakkomandazzjonijiet li saru, fl-isfera tal-kompetenzi tagħhom. Il-Konferenza waslet għall-konklużjonijiet tagħha fir-rebbiegħa tal-2022.
Il-ħidma tal-Konferenza kienet issorveljata minn Bord Eżekuttiv, f'isem il-Presidenza Konġunta. Kien magħmul minn rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet fuq bażi ugwali u ppresedut b'mod konġunt. Rappreżentanti tal-COSAC mill-Parlamenti Nazzjonali tal-UE pparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat kollha tal-bord. Rappreżentanti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u s-sħab soċjali ġew mistiedna wkoll bħala osservaturi.
Kif ħadmet il-Konferenza?
Il-Konferenza tnediet uffiċjalment fid-9 ta' Mejju 2021 b'ċerimonja fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu, wara l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tagħha mill-Bord Eżekuttiv. Din segwiet it-tnedija tal-Pjattaforma Diġitali Multilingwi tal-Konferenza fid-19 ta' April.
Il-pjattaforma kienet il-post fejn iċ-ċittadini setgħu jissottomettu proposti online, jaqsmu l-ideat u jinteraġixxu bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Dawn il-kontributi nġabru, ġew analizzati u mmonitorjati matul il-Konferenza. Il-pjattaforma ġabret ukoll avvenimenti organizzati min-nies u l-organizzazzjonijiet kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali madwar l-Ewropa. L-ideat u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin miġbura mill-pjattaforma ntużaw bħala kontribut għaż-żewġ komponenti l-oħra tal-Konferenza, il-Panels taċ-Ċittadini Ewropej u l-Plenarja.
Kull wieħed mill-erba' Panels taċ-Ċittadini Ewropej kien magħmul minn 200 ċittadin magħżula b'mod aleatorju li ddiskutew suġġetti differenti u ressqu l-proposti tagħhom. Il-panels kienu rappreżentattivi tal-popolazzjoni tal-UE f'termini ta' oriġini ġeografika, ġeneru, età u sfond soċjoekonomiku.
Il-Plenarja tal-Konferenza
Il-Plenarja tal-Konferenza ddiskutiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-Panels taċ-Ċittadini fil-livell nazzjonali u Ewropew, u l-kontribut miġbur mill-Pjattaforma Diġitali Multilingwi, raggruppati skont it-temi. Wara li dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew ippreżentati miċ-ċittadini u diskussi magħhom, il-Plenarja ressqet il-proposti tagħha għall-konklużjonijiet tal-Konferenza lill-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv fassal rapport b'kollaborazzjoni sħiħa u bi trasparenza sħiħa mal-Plenarja.
Il-Plenarja tal-Konferenza kienet magħmula minn 108 rappreżentanti mill-Parlament Ewropew, 54 mill-Kunsill, 3 mill-Kummissjoni Ewropea, 108 mill-Parlamenti nazzjonali fuq bażi ugwali, u 108 ċittadini. Ipparteċipaw ukoll 18-il rappreżentant mill-Kumitat tar-Reġjuni u 18 mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, 6 rappreżentanti eletti mill-awtoritajiet reġjonali u 6 rappreżentanti eletti mill-awtoritajiet lokali, 12-il rappreżentant mis-sħab soċjali u 8 rappreżentanti mis-soċjetà ċivili. Il-laqgħat tal-Plenarja tal-Konferenza, li kienu ppreseduti mit-tliet Kopresident tal-Bord Eżekuttiv, saru fil-bini tal-PE fi Strażburgu bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u kienu wkoll imxandra b'mod dirett.
Delegazzjoni tal-PE
Id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Plenarja tal-Konferenza kienet magħmula minn 108 Membri tal-Parlament Ewropew mis-seba' gruppi politiċi kollha u mill-Membri mhux affiljati. Din kienet tinkludi sitta minn seba' rappreżentanti u osservaturi tal-Parlament għall-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza u kienet immexxija minn Guy Verhofstadt (Renew, BE). Id-Delegazzjoni kellha laqgħat qabel il-Plenarji tal-Konferenza biex tħejji l-kontribut tal-Parlament, u bdiet mill-Plenarja inawgurali fit-18 sad-19 ta' Ġunju 2021.