Education, culture, youth and sport

46. Proposta: Edukazzjoni

Objettiv: L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jistinkaw biex jistabbilixxu, sal-2025, Żona Ewropea tal-Edukazzjoni inklużiva li fiha ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja ta' kwalità, inklużi dawk f'żoni rurali u remoti. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom b'mod partikolari:

  • 46.1) Jikkoordinaw il-livell tal-programmi edukattivi differenti kollha fl-Unjoni Ewropea bl-aċċettazzjoni tal-kontenut nazzjonali, reġjonali u lokali, u joħolqu rabtiet aktar mill-qrib bejn is-sistemi edukattivi, inkluż permezz tal-organizzazzjoni tal-ekwivalenza tad-diplomi.[129] Għandu jiġi adottat standard minimu ċċertifikat ta' edukazzjoni fis-suġġetti ewlenin li jibda fl-iskola primarja.[130] Għandhom jiġu introdotti kompetenzi kondiviżi fil-qasam tal-edukazzjoni, bħala minimu fil-qasam tal-edukazzjoni ċivika, filwaqt li l-eżerċizzju ta' dik il-kompetenza mill-UE m'għandux iwassal biex l-Istati Membri ma jitħallewx jeżerċitaw tagħhom. Il-lawrji professjonali u t-taħriġ għandhom jiġu vvalidati u rikonoxxuti b'mod reċiproku fl-Istati Membri kollha tal-UE.[131] L-Unjoni Ewropea għandha wkoll tippromwovi r-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali[132] u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jipprovduh, kif ukoll il-perjodi ta' tagħlim barra mill-pajjiż;
  • 46.2) Jiżviluppaw edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja li jibqgħu validi fil-futur fl-Ewropa - f'konformità mad-dritt għal taħriġ bla ħlas fuq il-post tax-xogħol għal kulħadd - b'enfasi fuq is-suġġetti li ġejjin: Edukazzjoni ċivika dwar il-proċessi demokratiċi, kif ukoll il-valuri tal-UE u l-istorja tal-Ewropa;[133] Dan għandu jiġi żviluppat bħala modulu komuni li għandu jiġi mgħallem fl-Istati Membri kollha. Il-litteriżmu ekonomiku għandu jittejjeb ukoll bħala aspett ta' fehim aħjar tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; Ħiliet diġitali; STEAM; Intraprenditorija u riċerka; Titjib tal-ħsieb kritiku. Il-litteriżmu medjatiku għandu jissaħħaħ sabiex tiġi żgurata s-sikurezza online, u tingħata s-setgħa liċ-ċittadini f'kull Stat Membru biex jevalwaw b'mod indipendenti jekk biċċa informazzjoni hijiex affidabbli jew le, u jidentifikaw l-aħbarijiet foloz, iżda fl-istess ħin biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li joffri l-Internet. Dan għandu jiġi implimentat fl-edukazzjoni bażika bħala klassi speċifika u jiġi offrut ukoll fi spazji pubbliċi oħra għaċ-ċittadini ta' kull età taħt il-gwida ta' organizzazzjoni ddedikata stabbilita fl-UE, abbażi tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri kollha. L-UE għandha tiżgura li l-finanzjament iddedikat jintuża mill-Istati Membri għall-iskopijiet maħsuba; Integrazzjoni tal-ħiliet personali fil-korsijiet kollha fil-kurrikuli fl-iskejjel. Ħiliet personali tfisser: li nisimgħu lil xulxin, li ninkoraġġixxu d-djalogu, ir-reżiljenza, il-fehim, ir-rispett lejn xulxin u l-apprezzament lil xulxin, il-ħsieb kritiku, it-tagħlim awtonomu, li nibqgħu kurjużi u orjentati lejn ir-riżultati; Kulħadd għandu jkun jista' jitgħallem dwar is-sostenibbiltà ambjentali u l-konnessjoni tagħha mas-saħħa. Il-bijodiversità għandha ssir suġġett obbligatorju fl-iskejjel. Din l-edukazzjoni għandha tibda fl-iskola b'suġġetti speċifiċi li jindirizzaw il-kwistjonijiet ekoloġiċi kollha, u tinkludi żjarat fuq il-post biex jintwerew eżempji rilevanti tal-ħajja reali, li għandhom jiġu appoġġati minn programm ta' finanzjament; Il-ġlieda kontra l-bullying u r-razziżmu;
  • 46.3) Jappoġġaw it-taħriġ tal-għalliema[134], biex jitgħallmu mill-aħjar prattiki u jużaw tekniki ta' tagħlim innovattivi u kreattivi aġġornati li jirriflettu l-evoluzzjoni tal-metodi ta' tagħlim, inklużi attivitajiet prattiċi, filwaqt li jibnu wkoll fuq it-tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-pandemija tal-COVID-19 u tipi oħra ta' kriżijiet, u jippromwovu wkoll opportunitajiet għall-mobbiltà;[135]
  • 46.4) Sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal u l-familji kollha, jagħtu prijorità lill-aċċess għal hardware u għal konnettività tal-broadband effiċjenti;
  • 46.5) Iwaqqfu pjattaforma ta' informazzjoni għal skambju ta' għarfien u esperjenzi fl-UE kollha, li tiġbor informazzjoni dwar korsijiet transnazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ fl-UE, turi eżempji tal-aħjar prattika u toffri liċ-ċittadini l-opportunità li jippreżentaw ideat ġodda għal skambju transfruntier. Din għandha toffri materjal ta' tagħlim dwar it-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà, il-kwistjonijiet ambjentali u d-diġitalizzazzjoni u tipprovdi informazzjoni dwar fora speċjalizzati eżistenti dwar suġġetti ewlenin.[136] Din tista' ssir disponibbli flimkien ma' programm ta' finanzjament biex jappoġġa l-użu tal-informazzjoni fuq il-pjattaforma u l-implimentazzjoni tagħha.