Values and rights, rule of law, security
25. Proposta: Stat tad-dritt, valuri demokratiċi u identità Ewropea
Objettiv: Li l-istat tad-dritt jiġi difiż sistematikament fl-Istati Membri kollha, b'mod partikolari billi:
-
25.1) Jiġi żgurat li l-valuri u l-prinċipji minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jitqiesu bħala kundizzjonijiet mhux negozjabbli, irriversibbli u sine qua non għas-sħubija fl-UE u l-adeżjoni magħha. Il-valuri tal-UE jridu jiġu rispettati bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha anki biex ikunu jistgħu jaġixxu bħala standard internazzjonali u punt ta' attraenza permezz tad-diplomazija u d-djalogu. It-tkabbir tal-UE m'għandux jikkomprometti l-acquis tal-UE fir-rigward tal-valuri fundamentali u d-drittijiet taċ-ċittadini;[33]
-
25.2) Il-valuri Ewropej isiru tanġibbli għaċ-ċittadini tal-UE, speċjalment permezz ta' involviment aktar interattiv u dirett. Għal dan il-għan, iċ-ċittadinanza Ewropea għandha tissaħħaħ, pereżempju permezz ta' statut Ewropew taċ-ċittadinanza li jipprovdi drittijiet u libertajiet speċifiċi għaċ-ċittadin, kif ukoll statut għal assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ transfruntieri Ewropej. Il-valuri Ewropej għandhom jiġu promossi wkoll permezz ta' "pakkett ta' onboarding" li jipprovdi elementi didattiċi u materjal ta' informazzjoni liċ-ċittadini. Fl-aħħar nett, sfera pubblika Ewropea li tinkludi mezzi tal-media awdjoviżiva u online għandha tiġi żviluppata permezz ta' aktar investiment tal-UE, iċ-ċentri tal-media eżistenti tal-UE għandhom jittejbu, u l-aktar minn 500 uffiċċju ta' kollegament Ewropew lokali għandhom jiġu appoġġati aktar; [34]
-
25.3) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE għandha ssir universalment applikabbli u infurzabbli. Barra minn hekk, għandhom jiġu organizzati konferenzi annwali dwar l-istat tad-dritt (b'segwitu għar-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt) b'delegazzjonijiet mill-Istati Membri kollha bil-parteċipazzjoni ta' ċittadini, impjegati tas-servizz pubbliku, membri parlamentari, awtoritajiet lokali, sħab soċjali u soċjetà ċivili magħżula b'mod aleatorju u diversifikati. L-organizzazzjonijiet, inkluża s-soċjetà ċivili, li jippromwovu l-istat tad-dritt fuq il-post għandhom ukoll jiġu appoġġati aktar;[35]
-
25.4) Jiġu applikati u evalwati b'mod effettiv il-kamp ta' applikazzjoni tar-"Regolament dwar il-Kondizzjonalità" u strumenti oħra tal-istat tad-dritt, u jiġu kkunsidrati estensjonijiet għal oqsma ġodda irrispettivament mir-rilevanza tagħhom għall-baġit tal-UE. Għandu jitqies kwalunkwe perkors ġuridiku neċessarju, inklużi bidliet fit-Trattati, biex jiġi sanzjonat ksur tal-istat tad-dritt;[36]
-
25.5) Jiġu mħeġġa programmi edukattivi u medjatiċi li jagħmlu l-valuri tal-UE parti mill-proċess ta' integrazzjoni tal-migranti u li jinkoraġġixxu interazzjonijiet bejn il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-integrazzjoni b'suċċess tagħhom fis-soċjetajiet tal-UE u li tinħoloq sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni.[37]