Gruppi ta' ħidma
Hawnhekk tista' ssib aktar informazzjoni dwar id-disa' Gruppi ta' Ħidma tematiċi tal-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li ġew stabbiliti matul il-Konferenza biex jgħinu fit-tħejjija tas-sessjonijiet plenarji.
Introduzzjoni
Ġew stabbiliti disa' gruppi ta' ħidma tematiċi biex iħejju x-xogħol tal-Plenarja tal-Konferenza.
Il-kompożizzjoni tagħhom tirrifletti l-proporzjonijiet bejn id-diversi komponenti tal-Plenarja. Il-gruppi ta' ħidma jagħtu l-kontribut tagħhom biex jitħejjew id-dibattiti u l-proposti tal-Plenarja abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Panels taċ-Ċittadini fil-livell nazzjonali u Ewropew u tal-kontributi fuq il-Pjattaforma Diġitali Multilingwi, fi ħdan il-parametri tad-Dikjarazzjoni Konġunta u tar-Regoli ta' Proċedura.
Il-gruppi ta' ħidma ddiskutew id-diversi kontributi u rakkomandazzjonijiet u ħadmu abbażi tal-kunsens tad-diversi komponenti. Il-President ta' kull grupp ta' ħidma, flimkien mal-kelliem tal-Panels taċ-Ċittadini Ewropej fi ħdan il-grupp, ippreżentaw ir-riżultati lill-Plenarja. Il-Plenarja mbagħad ddiskutiet il-proposti li għamlu parti mir-rakkomandazzjonijiet finali lill-Bord Eżekuttiv u vvutat fuqhom.
Is-Segretarjat Komuni tal-Konferenza fassal rapport fil-qosor tal-gruppi ta' ħidma, taħt l-gwida tal-President u f'konsultazzjoni mal-membri ta' kull grupp ta' ħidma.
Aktar informazzjoni dwar il-gruppi ta' ħidma tal-Konferenza hija disponibbli hawn: Gruppi ta' ħidma - Termini ta' referenza.