European democracy
36. Proposta: Informazzjoni għaċ-ċittadini, parteċipazzjoni u żgħażagħ
Objettiv: Li jiżdiedu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-involviment taż-żgħażagħ fid-demokrazija fil-livell tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żviluppata "esperjenza ċivika sħiħa" għall-Ewropej, jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom tinstema' anke bejn elezzjoni u oħra, u li l-parteċipazzjoni tkun effettiva. Għalhekk, għal kull suġġett għandha tiġi kkunsidrata l-aktar forma ta' parteċipazzjoni xierqa, pereżempju billi:
-
36.1) Tittejjeb l-effettività tal-mekkaniżmi ġodda eżistenti u fil fażi tal-iżvilupp marbuta mal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, f'konformità mal-acquis tal-UE, billi jiġu infurmati aħjar dwarhom. Idealment, l-informazzjoni kollha dwar l-ispazji parteċipattivi għandha tkun ċentralizzata[70] f'sit web uffiċjali integrat b'karatteristiċi differenti.[71] Għandu jitfassal mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta' inizjattivi politiċi u leġiżlattivi li jkunu ħarġu mill-proċessi tad-demokrazija parteċipattiva.[72] Il-mekkaniżmi parteċipattivi għandhom ikunu inklużivi u flimkien għandhom ikunu kapaċi jilħqu pubbliku divers. Għandha tingħata attenzjoni lill-kontenut materjali, lis-suġġetti u lill-ħiliet tal-moderaturi. Dawn għandhom jinkludu analiżi dwar l-impatt tal-politiki diskussi dwar, fost l-oħrajn, in-nisa u l-persuni vulnerabbli;[73]
-
36.2) Tiżdied il-frekwenza tal-interazzjonijiet online u offline bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini tagħha permezz ta' mezzi ta' interazzjoni differenti sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tat-tfassil tal-politiki tal-UE biex isemmgħu l-opinjonijiet tagħhom u jiksbu feedback, u tinħoloq Karta għall-uffiċjali tal-UE dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;[74]
-
36.3) Tiġi offruta pjattaforma diġitali li tkun faċli biex tintuża u li, permezz tagħha, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaqsmu l-ideat, jagħmlu mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet u proposti leġiżlattivi importanti fil-livell tal-UE, b'mod partikolari ż-żgħażagħ. Il-pjattaforma għandha tippermetti wkoll li jsiru sondaġġi online;[75]
-
36.4) Il-mekkaniżmi eżistenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali jittejbu u jiġu ssimplifikati b'tali mod li jsiru aktar siguri, aċċessibbli, viżibbli u inklużivi;[76]
-
36.5) Jiġu inklużi s-soċjetà ċivili organizzata u l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-istrutturi eżistenti bħall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR)[77] fil-proċess ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini;[78]
-
36.6) Tinħoloq sistema ta' Kunsillieri lokali tal-UE biex, permezz tagħhom, titnaqqas id-distanza bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej;[79]
-
36.7) Jiġu organizzati assemblej taċ-ċittadini perjodikament, abbażi ta' liġi tal-UE legalment vinkolanti. Il-parteċipanti jridu jintgħażlu b'mod aleatorju, bi kriterji ta' rappreżentattività, u għandha tiġi inċentivata l-parteċipazzjoni. Jekk ikun meħtieġ, se jkun hemm appoġġ ta' esperti sabiex il-membri tal-assemblea jkollhom biżżejjed informazzjoni għad-deliberazzjoni. Kwalunkwe nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-eżiti, min-naħa tal-istituzzjonijiet, għandu jkun debitament ġustifikat.[80] Il-parteċipazzjoni u l-involviment minn qabel taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili huma bażi importanti għad-deċiżjonijiet politiċi li għandhom jittieħdu mir-rappreżentanti eletti. L-UE hija bbażata fuq id-demokrazija rappreżentattiva: permezz tal-elezzjonijiet Ewropej, iċ-ċittadini jagħtu mandat ċar lir-rappreżentanti tagħhom u jesprimu ruħhom indirettament dwar il-politiki tal-UE;[81]
-
36.8) Jingħata appoġġ strutturali msaħħaħ, finanzjarju jew ta' xorta oħra, għas-soċjetà ċivili, speċjalment għas-soċjetà ċivili taż-żgħażagħ u jiġu appoġġati l-awtoritajiet lokali fl-istabbiliment ta' kunsilli lokali taż-żgħażagħ.[82] Dan jista' jinkiseb permezz ta' pilastru speċifiku fil-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea għall-involviment tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, u strateġija ddedikata għas-soċjetà ċivili;[83]
-
36.9) Tiġi introdotta "verifika min-naħa taż-żgħażagħ" għal-leġiżlazzjoni, li tinkludi kemm valutazzjoni tal-impatt kif ukoll mekkaniżmu ta' konsultazzjoni mar-rappreżentanti taż-żgħażagħ, meta l-leġiżlazzjoni titqies li jkollha impatt fuq iż-żgħażagħ;[84]
-
36.10) Tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-leġiżlaturi tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex isir użu mir-rabtiet bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini li jikkostitwixxu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;[85]
-
36.11) Jinġabru fil-qosor l-elementi tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f'Karta tal-UE għall-involviment taċ-ċittadini fl-affarijiet tal-UE.