Proposti u Suġġetti
F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.
8. Migrazzjoni
• Migrazzjoni Legali
• Migrazzjoni irregolari
• Migrazzjoni irregolari (bis)
• Ażil, integrazzjoni
• Ażil, integrazzjoni (bis)
Migrazzjoni legali: Il-Plenarja tal-Konferenza tipproponi t-tnedija ta' kampanja ta' komunikazzjoni madwar l-UE sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-kumpaniji tal-UE li jirreklutaw ċittadini mhux tal-UE dwar l-eżistenza ta' Network ta' Kooperazzjoni tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES), il-Portal tal-UE dwar l-Immigrazzjoni u l-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi. Ipproponiet ukoll li tiġi offruta l-possibbiltà ta' tqabbil online tal-provvista u d-domanda tal-ħiliet fil-pajjiż tat-tluq u abbażi ta' kriterji ta' valutazzjoni. L-UE għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-proċess ta' akkoljenza u integrazzjoni tal-migranti legali u l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol tal-UE. L-UE għandha tippromwovi wkoll konverġenza 'l fuq dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha biex tiġġieled l-inugwaljanzi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u biex tiżgura d-drittijiet tal-ħaddiema. Għandhom jiżdiedu l-isforzi biex iċ-ċittadini tal-Istati Membri jiġu informati u edukati dwar is-suġġetti relatati mal-migrazzjoni u l-integrazzjoni.
Migrazzjoni irregolari: Il-proposti għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Frontex fil-fruntieri esterni tal-UE u li jadattaw aktar il-leġiżlazzjoni tal-UE biex tindirizza l-kwistjonijiet tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali, l-attakki ibridi minn pajjiżi li jistrumentalizzaw lill-migranti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil: Għandhom jiġu applikati regoli komuni mtejba għall-ewwel akkoljenza tal-migranti, inkluż il-garanzija tas-sikurezza u s-saħħa tal-migranti kollha, b'mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-persuni vulnerabbli kollha fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Għandu jiżdied l-appoġġ finanzjarju, loġistiku u operazzjonali tal-UE għall-awtoritajiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ewwel akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti regolari fl-UE jew ir-ripatrijazzjoni tal-migranti irregolari.
Is-sistema ta' Dublin għandha tiġi rieżaminata sabiex jiġu garantiti s-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà inkluża r-ridistribuzzjoni tal-migranti fost l-Istati Membri. Għandhom jiġu adottati regoli komuni tal-UE dwar proċeduri għall-eżami ta' talbiet għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri, u dawn għandhom jiġu applikati b'mod uniformi għal dawk kollha li jfittxu l-ażil b'kunsiderazzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-liġi internazzjonali.
Dawk li jfittxu l-ażil u r-refuġjati għandhom, matul il-proċess tal-proċedura ta' residenza, jattendu korsijiet tal-lingwa, tal-integrazzjoni, taħriġ professjonali, u attivitajiet. Dawk il-persuni li jfittxu l-ażil bi kwalifiki rilevanti għandhom jingħataw aċċess għas-suq tax-xogħol, meta jkun possibbli bil-għan li tissaħħaħ l-awtodipendenza tagħhom.