Proposti u Suġġetti

F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.

2. Saħħa

Proposti
• Ikel u stil ta' ħajja tajbin għas-saħħa
• Tisħiħ tas-sistema tal-kura tas-saħħa• Fehim usa' tas-saħħa
• Aċċess ugwali għas-saħħa għal kulħadd

Ikel u stil ta' ħajja tajbin għas-saħħa: Biex jiġi żgurat li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni dwar ikel tajjeb għas-saħħa kif ukoll aċċess għall-ikel tajjeb għas-saħħa u bi prezzijiet raġonevoli, bħala element kostitwenti ta' stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, il-Plenarja tal-Konferenza tipproponi li jiġu stabbiliti standards minimi għall-kwalità tal-ikel, kif ukoll għat-traċċabbiltà tal-ikel, inkluż billi jiġi limitat l-użu tal-antibijotiċi u prodotti mediċinali oħra tal-annimali. Daqstant importanti hija l-edukazzjoni tan-nies dwar drawwiet tajbin għas-saħħa minn età bikrija u li jiġu inkoraġġuti jagħmlu għażliet sikuri u tajbin għas-saħħa, permezz ta' informazzjoni u tikkettar aħjar għall-konsumatur. Huwa rrakkomandat ukoll li jsir investiment fir-riċerka dwar l-impatt tal-użu tal-antibijotiċi u l-effetti tas-sustanzi ormonali u tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tal-bniedem.

Reżiljenza u l-kwalità tas-sistemi tal-kura tas-saħħa
: Il-miżuri speċifiċi inklużi fil-proposti jinkludu l-iżgurar ta' kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u l-armonizzazzjoni tal-istandards tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni għall-professjonisti tas-saħħa, kif ukoll il-ħolqien ta' spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa. L-investiment fis-sistemi tas-saħħa għandu jiżdied, b'mod partikolari fl-infrastruttura u s-saħħa diġitali, pubblika u mingħajr skop ta' qligħ, u l-programmi eżistenti ta' riċerka u innovazzjoni dwar is-saħħa għandhom jiġu żviluppati, ikkoordinati u ffinanzjati aktar. Il-Plenarja tal-Konferenza tirrakkomanda wkoll li tiġi żgurata l-awtonomija strateġika fil-livell tal-UE biex tiġi evitata d-dipendenza fuq pajjiżi terzi għall-mediċini u għall-apparat mediku, kif ukoll il-kumulazzjoni ta' riżerva strateġika kkoordinata madwar l-UE.

Fehim usa' tas-saħħa: L-UE għandha tadotta approċċ olistiku għas-saħħa li, lil hinn mill-mard u mill-kura, jindirizza l-litteriżmu fis-saħħa u l-prevenzjoni, u jrawwem fehim kondiviż tal-isfidi ffaċċjati minn persuni morda jew b'diżabbiltà, skont l-approċċ "Saħħa Waħda", u dan għandu jiġi enfasizzat bħala prinċipju orizzontali u fundamentali li jinkludi l-politiki kollha tal-UE. Il-Plenarja tirrakkomanda t-titjib tal-fehim ta' kwistjonijiet ta' saħħa mentali u modi kif jiġu indirizzati, inkluż l-iżvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar is-saħħa mentali. Barra minn hekk, għandhom jiġu żviluppati korsijiet tal-ewwel għajnuna u jsiru disponibbli mingħajr ħlas, u għandu jinħoloq programm edukattiv standard dwar stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, li jkopri wkoll l-edukazzjoni sesswali.

Aċċess ugwali għas-saħħa għal kulħadd: Il-proposti adottati jirrakkomandaw li għandu jiġi stabbilit "dritt għas-saħħa" billi jiġi ggarantit li l-Ewropej kollha jkollhom aċċess ugwali u universali għal kura tas-saħħa preventiva, kurattiva, bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità. L-aċċess għat-trattamenti eżistenti għandu jiġi żgurat, permezz tal-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera, b'mod partikolari dwar il-mard rari, il-kanċer, il-mard kardjovaskulari u trattamenti speċjalizzati ħafna. Sabiex tinkiseb l-azzjoni koordinata u fit-tul meħtieġa fil-livell tal-Unjoni, permezz ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa mtejba, is-saħħa u l-kura tas-saħħa għandhom jiġu inklużi fost il-kompetenzi kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha billi jiġi emendat l-Artikolu 4 tat-TFUE.