Proposti u Suġġetti
F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.
7. Demokrazija Ewropea
• Informazzjoni għaċ-ċittadini, parteċipazzjoni u żgħażagħ
• Informazzjoni għaċ-ċittadini, parteċipazzjoni u żgħażagħ (bis)
• Demokrazija u elezzjonijiet
• Proċess deċiżjonali tal-UE
• Sussidjarjetà
Informazzjoni għaċ-ċittadini, parteċipazzjoni u żgħażagħ: Sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-demokrazija Ewropea u jiġi żgurat li l-vuċi tagħhom tinstema' f'kull ħin, il-Plenarja tal-Konferenza tipproponi li tittejjeb l-informazzjoni li tingħatalhom billi jinħoloq sit web uffiċjali li jiġbor fil-qosor kif iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet demokratiċi, pjattaforma diġitali għall-kondiviżjoni tal-ideat, tal-mistoqsijiet u tal-fehmiet tagħhom, kif ukoll applikazzjoni għall-apparati mobbli li tippreżenta l-politiki tal-UE b'lingwa ċara. Perjodikament għandhom jinżammu assemblej taċ-ċittadini li l-eżitu tagħhom għandu jiġi kkunsidrat mill-istituzzjonijiet. Biex l-interessi taż-żgħażagħ jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni, għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE dwar iż-żgħażagħ. Il-Plenarja appellat ukoll għal livell minimu ta' edukazzjoni dwar l-UE, kemm fl-iskejjel kif ukoll permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-UE jeħtiġilha tkompli tappoġġja s-soċjetà ċivili u l-media ħielsa, pluralistika u indipendenti. Il-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani jridu wkoll ikunu prijorità.
Demokrazija u elezzjonijiet: Biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea, il-Plenarja tal-Konferenza tindika li l-UE għandha l-ewwel nett issaħħaħ il-valuri demokratiċi komuni fil-fruntieri tagħha sabiex tkun tista' tippromwovi l-mudell demokratiku tagħha f'pajjiżi esterni. Biex jittejjeb l-element demokratiku tal-UE, il-Parlament Ewropew għandu jkollu d-dritt li jagħti bidu għal referendum fl-UE kollha. Il-liġi elettorali tal-UE għandha tiġi emendata sabiex tiġi introdotta lista għall-Unjoni kollha għall-elezzjoni ta' xi Membri u jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-votazzjoni. Il-President tal-Kummissjoni għandu jiġi elett direttament jew permezz ta' sistema ta' kandidat prinċipali. Il-Plenarja pproponiet ukoll li jingħataw aktar drittijiet lill-Parlament Ewropew inkluż id-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva u d-dritt li jiddeċiedi dwar il-baġit tal-UE.
Proċess deċiżjonali tal-UE: Il-Plenarja tal-Konferenza tgħid li l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi. Għal dak l-għan, il-kwistjonijiet kollha deċiżi fil-Kunsill permezz ta' unanimità għandhom jiġu deċiżi permezz ta' maġġoranza kwalifikata, bl-eċċezzjoni ta' ammissjoni ta' sħubija ġdida fl-UE u bidliet fil-prinċipji fundamentali tal-UE. Biex tittejjeb it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-laqgħat tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew għandhom jixxandru online. Il-Plenarja kkonkludiet li għal responsabbiltà aħjar, għandu jissaħħaħ id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew. Biex l-UE tinftiehem aktar, l-ismijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jinbidlu sabiex ikunu jixbhu l-ismijiet tal-istituzzjonijiet nazzjonali. Għandu jerġa' jinfetaħ dibattitu ġdid biex tiġi kkunsidrata l-adozzjoni ta' kostituzzjoni tal-UE.
Sussidjarjetà: Il-Plenarja tqis is-sussidjarjetà bħala prinċipju fundamentali għall-funzjonament tal-UE. Għalhekk ipproponiet li l-parlamenti nazzjonali u l-parlamenti reġjonali li għandhom setgħa leġiżlattiva għandhom jingħataw il-possibbiltà li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva fil-livell Ewropew. Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jingħata rwol imsaħħaħ fl-arkitettura istituzzjonali tal-UE u s-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu inklużi aħjar fil-proċess deċiżjonali.