Proposti u Suġġetti

F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.

4. L-UE fid-dinja

Proposti
• Titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn atturi barranin f'setturi strateġiċi ekonomikament
• Titnaqqas id-dipendenza tal-UE minn atturi barranin fl-enerġija
• Jiġu ddefiniti standards ġewwa u barra l-UE fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment
• Jiġu ddefiniti standards ġewwa u barra l-UE f'politiki ambjentali
• Proċess deċiżjonali u koeżjoni fi ħdan l-Unjoni
• Trasparenza tal-UE u relazzjonijiet tagħha maċ-ċittadini
• L-UE bħala attur b'saħħtu fix-xena dinjija fil-paċi u s-sigurtà
• L-UE bħala attur b'saħħtu fix-xena dinjija fil-bini ta' relazzjonijiet

Affarijiet barranin, sigurtà esterna u difiża: Fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà, il-proposti enfasizzaw li l-UE għandha tieqaf tieħu deċiżjonijiet dwar il-politika estera u ta' sigurtà b'unanimità, u minflok taqleb għat-teħid ta' deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata. Dan huwa konformi mal-appelli ripetuti tal-Parlament Ewropew, li jixtieq ukoll jara lill-Ewropa tirreaġixxi aktar malajr u b'aktar determinazzjoni.

L-UE jeħtiġilha tkun tista' titkellem b'vuċi waħda u taġixxi verament bħala attur globali, u t-tisħiħ tar-rwol tar-Rappreżentant Għoli tal-UE huwa essenzjali. Fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, l-UE jeħtiġilha tagħmel użu tajjeb mill-piż politiku u ekonomiku kollettiv tagħha biex tħeġġeġ lill-Istati, lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi jikkonformaw mal-prinċipji fundamentali tagħha.

Fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, il-proposti jindikaw il-promozzjoni tad-djalogu u l-garanzija tal-paċi, b'forza armata tal-UE li tintuża għall-awtodifiża u l-prevenzjoni tal-azzjoni militari. Il-forza tista' tiġi skjerata barra mill-UE biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u b'mandat tan-NU.

Kummerċ internazzjonali: Fil-qasam tal-kummerċ, il-proposti jissuġġerixxu d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista bħala mezz biex tissaħħaħ l-awtonomija tal-Ewropa f'setturi ewlenin. Mod kif jintlaħaq dan l-għan, imtenni f'diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, huwa permezz ta' negozjati kummerċjali ambizzjużi, li jiġu konklużi aħjar bħala blokk tal-UE aktar milli fuq abbażi ta' pajjiżi individwali.

Bħalissa hemm għadd ta' ftehimiet kummerċjali f'diversi stati ta' tħejjija ma' pajjiżi differenti bħaċ-Ċilì, il-Messiku, New Zealand, l-Awstralja u l-pajjiżi tal-Mercosur. Fir-responsabbiltà tal-iskrutinju tal-proċess tan-negozjati u l-ftehimiet li jirriżultaw, il-Parlament spiss talab li dawn in-negozjati jitmexxew bl-aktar mod trasparenti possibbli, talba li ġiet ripetuta fost il-proposti tal-grupp ta' ħidma. Il-grupp saħaq ukoll li r-ratifika tal-ftehimiet kummerċjali għandha sseħħ aktar malajr.

Il-Plenarja tal-Konferenza tinsisti: li r-regoli għall-kumpaniji li jikkompetu fis-suq intern iridu jkunu ugwali u ġusti. Il-Parlament jaqbel: u proposta leġiżlattiva dwar il-ħolqien ta' kompetizzjoni ġusta billi jiġu miġġielda s-sussidji barranin fis-suq intern bħalissa għaddejja mill-proċess tat-tfassil tal-liġijiet, filwaqt li oħra li tiftaħ is-swieq barranin tal-akkwist pubbliku għall-kumpaniji tal-UE qed toqrob lejn tmiem il-proċess.

Il-proposti joħolqu rabta b'saħħitha bejn il-politika barranija, il-kummerċ u l-valuri Ewropej u l-għanijiet Ewropej ewlenin, billi jsaħħu d-dimensjoni etika u ambjentali tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tagħha. Għandhom l-għan li jorbtu l-kummerċ internazzjonali mal-miżuri ta' politika dwar il-klima, biex jiżguraw li l-istandards tax-xogħol deċenti jiġu applikati bis-sħiħ permezz tal-ktajjen tal-valur globali, li l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tat-trade unions jiġu rispettati u li l-oġġetti li jiġu importati lejn l-UE jirrispettaw l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. B'mod simili għall-Parlament Ewropew, il-Plenarja tal-Konferenza tipproponi l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-Unjoni. L-UE bħalissa tinsab fil-proċess leġiżlattiv li taġġorna l-ġabra ta' regoli tal-programm kummerċjali preferenzjali tagħha għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw: b'mod simili għal dak li l-Kumitat għall-Kummerċ tal-Parlament huwa mistenni jissuġġerixxi, il-grupp ta' ħidma jinsisti wkoll li jiddaħħlu dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità aktar b'saħħithom u proċessi effettivi ta' monitoraġġ u djalogu mal-pajjiżi li jibbenefikaw minn dan l-arranġament unilaterali.

Il-Plenarja tipproponi li fil-politika barranija u ta' difiża u fil-kummerċ, il-multilateraliżmu jrid jipprevali, bi qbil mar-riżoluzzjonijiet ewlenin tal-Parlament Ewropew dwar il-politika barranija u l-kummerċ.