Proposti u Suġġetti

F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.

6. Trasformazzjoni diġitali

Proposti
• Aċċess għall-infrastruttura diġitali• Kompetenza u ħiliet diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies
• Soċjetà diġitali sikura u affidabbli - iċ-ċibersigurtà u d-diżinformazzjoni
• Soċjetà diġitali sikura u affidabbli - il-protezzjoni tad-data
• Innovazzjoni diġitali biex tissaħħaħ l-ekonomija soċjali u sostenibbli

L-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal soluzzjonijiet diġitali: L-aċċess ugwali għall-internet huwa dritt fundamentali ta' kull ċittadin Ewropew. Il-Plenarja tal-Konferenza tqis l-investiment f'infrastruttura diġitali Ewropea ta' kwalità għolja u innovattiva bħala bażi għal trasformazzjoni diġitali ta' suċċess. Dan jinkludi l-iżgurar ta' aċċess għall-internet veloċi, bi prezzijiet raġonevoli, sigur u stabbli kullimkien fl-UE u l-iżvilupp ta' networks 5G u 6G. L-UE jeħtiġilha tevita l-intrappolament tal-klijentela u tiżgura li n-nies kollha jkollhom fil-prattika aċċess għall-internet kif ukoll il-hardware. Is-servizzi diġitali Ewropej għandhom isiru wkoll interoperabbli u jistinkaw biex isibu soluzzjonijiet ekoloġiċi sostenibbli.

Il-ħiliet diġitali huma kruċjali għal trasformazzjoni diġitali ta' suċċess: Il-proposti jenfasizzaw li l-UE jeħtiġilha tiżgura li ċ-ċittadini Ewropej kollha mill-gruppi tal-etajiet kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-diġitalizzazzjoni, billi jingħataw is-setgħa bil-ħiliet u l-opportunitajiet diġitali meħtieġa, inkluż l-iżgurar tal-aċċess għal-litteriżmu diġitali formali u mhux formali u t-taħriġ fil-ħiliet u l-edukazzjoni. Il-Plenarja tipproponi l-ħolqien ta' programmi u kurrikuli standard fil-livell tal-UE dwar ir-riskji u l-opportunitajiet tal-internet, id-drittijiet online tal-utenti u n-netiquette. Ċertifikazzjoni addizzjonali tal-UE relatata mal-ħiliet diġitali tgħin liż-żgħażagħ fil-karrieri futuri tagħhom. Il-miżuri ssuġġeriti jinkludu wkoll l-iżvilupp ta' aktar inizjattivi ta' taħriġ għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema biex jibqgħu kompetittivi fis-suq tax-xogħol.

Soċjetà diġitali sikura u affidabbli - iċ-ċibersigurtà u d-diżinformazzjoni: L-UE għandha tiżgura implimentazzjoni effettiva u rapida tal-leġiżlazzjoni eżistenti u jkollha aktar setgħat biex issaħħaħ iċ-ċibersigurtà sabiex ikun hemm soċjetà diġitali sikura, reżiljenti u affidabbli. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Europol/iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità, il-bini ta' kapaċitajiet konġunti Ewropej fil-qasam taċ-ċiberdifiża kontra attakki fuq skala kbira, u l-iżgurar ta' infrastruttura reżiljenti u kanali ta' komunikazzjoni alternattivi f'każ ta' black-outs, huma ftit mill-miżuri konkreti proposti. Dwar id-diżinformazzjoni, it-tisħiħ tal-litteriżmu diġitali u l-ħsieb kritiku huwa kruċjali, flimkien mal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida għall-pjattaformi online u għall-kumpaniji tal-media soċjali biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tad-diżinformazzjoni u jimplimentaw miżuri ta' trasparenza. Is-sorveljanza u l-kontroll mill-bniedem tal-proċessi deċiżjonali fl-użu tal-IA u tal-algoritmi huma meħtieġa.

Sovranità tad-data: Il-proposti għandhom l-għan li jipprovdu lin-nies b'kontroll aħjar tad-data tagħhom stess, biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jiġu infurzati aħjar ir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE. Il-GDPR jeħtieġ li jiġi implimentat aħjar, inkluż minn kumpaniji mhux tal-UE, filwaqt li ma joħloqx piżijiet addizzjonali għall-SMEs. L-utenti jeħtieġu informazzjoni ċara dwar kif tintuża d-data tagħhom u minn min. It-talbiet għat-tħassir permanenti tad-data jeħtieġ li jiġu segwiti fil-ħin. Jekk il-kumpaniji ma jikkonformawx mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, iridu jiġu applikati sanzjonijiet proporzjonati għall-fatturat tagħhom. Iċ-ċittadini jeħtieġu jiġu megħjuna jekk jiltaqgħu ma' kwistjonijiet ta' nonparteċipazzjoni, filwaqt li huma meħtieġa regoli għall-UE kollha dwar it-tmiem tal-imġiba intrużiva, ir-revoka tal-aċċess għad-data u s-sanzjonar tal-frodisti.

L-innovazzjoni diġitali għal ekonomija sostenibbli
: approċċ iċċentrat fuq il-bniedem: Il-miżuri biex jissaħħu l-ekonomija u s-suq uniku permezz tad-diġitalizzazzjoni jinkludu l-introduzzjoni ta' approċċ "iċċentrat fuq il-bniedem" għall-ħidma billi jiġi żgurat id-dritt għall-iskonnessjoni. Il-kumpaniji tal-UE jeħtieġu inċentivi biex ikunu soċjalment reattivi u jżommu impjiegi ta' kwalità għolja fl-Ewropa. Għandu jkun hemm sorveljanza umana meta l-IA tintuża fuq il-post tax-xogħol u trasparenza tal-algoritmi. Il-potenzjali ta' IA affidabbli u responsabbli, kif ukoll it-teknoloġija blockchain u s-servizzi tal-cloud jeħtieġ li jiġu sfruttati bis-sħiħ. Huwa meħtieġ appoġġ addizzjonali għax-xogħol mill-bogħod permezz ta' internet affidabbli u veloċi, taħriġ diġitali u tagħmir ergonomiku tal-uffiċċju għad-dar. L-SMEs u n-negozji ġodda jeħtieġu aċċess ġust għall-finanzjament u inqas piżijiet legali biex jgħinu fit-twettiq ta' attivitajiet transfruntiera. In-negozji jeħtieġu aċċess għal data sigura, filwaqt li huwa meħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi tiġi mħeġġa. Il-Plenarja tal-Konferenza tappoġġja wkoll l-introduzzjoni ta' identità diġitali komuni Ewropea, il-promozzjoni ta' software b'sors miftuħ fl-edukazzjoni u l-ħolqien ta' app Ewropea għal informazzjoni dwar il-prodotti tal-konsumatur u nutrizzjonali.