Proposti u Suġġetti
F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.
1. Tibdil fil-klima u l-ambjent
• Agrikoltura, produzzjoni tal-ikel, bijodiversità u ekosistemi, tniġġis(1)
• Agrikoltura, produzzjoni tal-ikel, bijodiversità u ekosistemi, tniġġis(2)
• Tibdil fil-klima, enerġija, trasport• Tibdil fil-klima, enerġija, trasport
• Konsum, imballaġġ u produzzjoni sostenibbli
• Informazzjoni, sensibilizzazzjoni, djalogu u stil ta' ħajja
Agrikoltura, produzzjoni tal-ikel, bijodiversità u ekosistemi, tniġġis: Sabiex fl-Ewropa jkun hemm produzzjoni tal-ikel sikura, sostenibbli, ġusta, responsabbli fir-rigward tal-klima u bi prezzijiet raġonevoli, li tissalvagwardja l-bijodiversità, il-Plenarja tal-Konferenza tipproponi r-ridirezzjonar tas-sussidji lejn il-biedja organika u l-agrikoltura sostenibbli u t-tisħiħ tal-inċentivi tagħhom inkluż permezz taċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju. Tappella wkoll għal tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-pestiċidi u l-fertilizzanti kimiċi, filwaqt li xorta waħda tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll aktar riċerka u innovazzjoni u kundizzjonijiet aħjar għall-bdiewa.
Biex jiġu protetti u restawrati l-bijodiversità, il-pajsaġġ u l-oċeani, u jiġi eliminat t-tniġġis, il-proposti jgħidu li l-UE jeħtieġ li żżid il-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità. Għandu jkun hemm appoġġ għar-riforestazzjoni u miri nazzjonali vinkolanti fl-Istati Membri. Id-dakkara u insetti oħra għandhom jiġu protetti aħjar u għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġu protetti s-sorsi tal-ilma u jiġi miġġieled it-tniġġis fix-xmajjar u l-oċeani. Kostruzzjonijiet ġodda għandhom jipprevedu spazji ekoloġiċi. Il-projbizzjoni fuq il-plastik li jintuża darba biss għandha tiġi infurzata u estiża.
Tibdil fil-klima, enerġija, trasport: Biex tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika Ewropea, biex l-Ewropej jiġu pprovduti b'enerġija suffiċjenti, bi prezzijiet raġonevoli u sostenibbli u biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, il-proposti jissuġġerixxu li jitnaqqsu d-dipendenzi mill-importazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Għal dan l-għan, jeħtieġ li l-UE tħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, b'mod partikolari permezz ta' aktar investimenti fl-enerġija rinnovabbli, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, tagħmel trasport pubbliku bi prezzijiet aktar aċċessibbli, ittejjeb l-infrastruttura għaċ-ċikliżmu u tippromwovi l-użu (kondiviż) ta' vetturi elettriċi. L-UE għandha tinvesti f'ferroviji ta' veloċità għolja u ta' billejl biex tipprovdi alternattiva kredibbli u tiffaċilita l-possibbiltà li t-titjiriet fuq distanzi qosra jiġu sostitwiti u skoraġġuti. L-UE jeħtiġilha talloka finanzjament adegwat għat-tranżizzjoni ekoloġika u ġusta u għall-protezzjoni tal-ħaddiema u l-impjiegi u tistabbilixxi pakkett ta' investiment għal teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima li għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' imposti ta' aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri.
Konsum, imballaġġ u produzzjoni sostenibbli: Biex issir aktar ċirkolari, aktar awtonoma, u inqas dipendenti, l-UE jeħtiġilha tippromwovi prodotti sostenibbli biex tiżgura li l-prodotti kollha mqiegħda fis-suq tal-UE jikkonformaw ma' standards ambjentali għoljin tal-UE. Dan għandu jsir billi tiġi stabbilita sistema ta' tikkettar trasparenti għall-prodotti kollha mibjugħa fl-UE fir-rigward tal-impronta ambjentali tagħhom bl-użu ta' kodiċi QR u punteġġ ekoloġiku, jew il-Passaport Diġitali tal-Prodotti. Biex jiġi evitat aktar skart (inkluża l-esportazzjoni tal-iskart), iridu jiġu stabbiliti miri ta' prevenzjoni u użu mill-ġdid u tiddaħħal skema ta' ritorn madwar l-UE kollha għall-imballaġġ. Il-Plenarja tal-Konferenza tappella wkoll għal implimentazzjoni rapida ta' strateġija ambizzjuża u sostenibbli tat-tessuti u miżuri biex tiġi indirizzata l-obsolexxenza bikrija jew prematura (inkluża dik ippjanata) u azzjonijiet tal-UE li jippermettu u jinċentivaw lill-konsumaturi biex jużaw il-prodotti aktar fit-tul u jippromwovu dritt għat-tiswija.
Informazzjoni, sensibilizzazzjoni, djalogu u stil ta' ħajja: Biex jitrawmu l-għarfien, is-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u d-djalogi dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-użu tal-enerġija, u s-sostenibbiltà, il-Plenarja tipproponi li tinħoloq pjattaforma interattiva ta' informazzjoni vverifikata bil-fatti b'informazzjoni ambjentali xjentifika aġġornata regolarment, u li jiġu appoġġjati kampanji ta' informazzjoni dwar s-sensibilizzazzjoni ekoloġika, inkluża kampanja fit-tul tal-UE għall-konsum sostenibbli u l-istil ta' ħajja. Ir-rwol u l-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-ambjent u l-edukazzjoni għandhom jiżdiedu billi tiġi estiża l-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent u billi jiġi estiż l-użu ta' proċess deċiżjonali b'maġġoranza kwalifikata dwar suġġetti identifikati bħala ta' "interess Ewropew", bħall-ambjent. Il-Plenarja trid ukoll li l-UE tfassal karta Ewropea komuni mmirata lejn kwistjonijiet ambjentali u tipprovdi korsijiet edukattivi u materjali tat-tagħlim (inkluż dwar il-produzzjoni tal-ikel u l-protezzjoni tal-bijodiversità) għal kulħadd sabiex jiżdied il-litteriżmu dwar il-klima u s-sostenibbiltà. Għandha tiġi promossa wkoll dieta bbażata fuq il-pjanti.