Proposti u Suġġetti
F'din il-paġna, issib deskrizzjoni fil-qosor tal-proposti u l-miżuri speċifiċi korrispondenti kollha tal-Konferenza. Dawn isegwu l-ordni tad-disa' temi tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.
Biex tagħżel tema, ikklikkja fuq il-menù tan-naħa tal-lemin. L-ewwel hemm il-proposti għal kull tema, segwiti minn deskrizzjoni fil-qosor tal-miżuri korrispondenti.
9. Edukazzjoni, kultura, żgħażagħ u sport
Proposti
• Edukazzjoni
• Kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ Ewropej
• Kultura u skambji
• Sport
Edukazzjoni: integrata, valida għall-futur u ugwali: Il-Plenarja tipproponi li jiġu kkoordinati l-programmi edukattivi tal-UE, filwaqt li jiġi rrispettat il-kontenut nazzjonali u lokali. L-ekwivalenza tad-diplomi, u r-rikonoxximent tal-lawrji professjonali, l-apprendiment mhux formali u l-perjodi ta' apprendiment barra mill-pajjiż iridu jiġu żgurati, inkluż permezz ta' standards minimi ċċertifikati fis-suġġetti ewlenin. Iċ-ċittadini jeħtiġilhom jiġu edukati dwar id-demokrazija, il-valuri u l-istorja tal-UE permezz ta' modulu komuni tal-edukazzjoni ċivika. Organizzazzjoni ddedikata tal-UE jeħtiġilha tikkoordina l-litteriżmu medjatiku u l-klassijiet tal-ħsieb kritiku biex tindirizza l-aħbarijiet foloz. Il-kurrikuli tal-iskejjel iridu jinkludu "ħiliet personali", bħas-smigħ u d-djalogu, ir-reżiljenza, l-awtostudju u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati.
Kulħadd għandu jitgħallem dwar is-sostenibbiltà ambjentali u l-konnessjoni tagħha mas-saħħa, filwaqt li l-bijodiversità għandha ssir suġġett obbligatorju. Għandu jkun hemm appoġġ għat-taħriġ tal-għalliema f'metodi ta' tagħlim kreattivi u tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku. L-aċċess għall-hardware u l-konnetività bil-broadband iridu jingħataw prijorità, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal kollha. Għandu jiġi introdott materjal tat-tagħlim konġunt tal-UE, pereżempju fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni.
Żgħażagħ: appoġġ fil-ħajja tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u "test taż-żgħażagħ" tal-leġiżlazzjoni tal-UE: Iż-żgħażagħ għandhom ikunu aktar involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju permezz ta' panels taċ-ċittadini bi tfal ta' bejn 10 snin u 16-il sena. Ir-rappreżentanti Ewropej jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tal-iskola fl-iskejjel tagħhom filwaqt li "Test taż-Żgħażagħ" tal-UE għandu jiġi applikat għal-leġiżlazzjoni u l-politiki l-ġodda kollha tal-UE. Il-votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tista' tiġi kkunsidrata mill-età ta' 16-il sena u l-partiti nazzjonali għandhom jinkludu kandidati iżgħar fil-listi tal-elezzjonijiet Ewropej. L-istudenti (mill-età ta' 12-il sena) jeħtiġilhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fi żjarat ta' osservazzjoni f'organizzazzjonijiet bi skop ta' qligħ u mingħajr skop ta' qligħ, bħala parti mill-edukazzjoni formali tagħhom. Għandu jiġi ddedikat aktar finanzjament tal-UE taħt in-Next Generation EU għall-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ. L-internships u l-impjiegi taż-żgħażagħ iridu jinkludu remunerazzjoni ġusta, filwaqt li jintemmu l-pagi minimi taż-żgħażagħ u jiġu pprojbiti internships mhux imħallsa barra mill-edukazzjoni formali.
L-aċċess taż-żgħażagħ għall-protezzjoni soċjali u l-akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli għandu jiġi żgurat, u l-"eżodu ta' mħuħ" għandu jiġi evitat bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE. Pjanijiet dettaljati għaż-żgħażagħ għall-kriżijiet (pereżempju kriżi tas-saħħa jew gwerra) għandhom jimminimizzaw l-impatt fuq l-istudji, ix-xogħol u l-benesseri mentali taż-żgħażagħ.
Kultura: it-trawwim tal-identità tal-UE u t-tisħiħ tad-diversità: Il-kultura tal-iskambju, l-identità Ewropea u d-diversità Ewropea għandhom jissaħħu. L-ivvjaġġar u l-mobbiltà professjonali għandhom jiġu estiżi għar-rappreżentanti lokali, u l-possibbiltajiet ta' skambju għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd. Għandhom jiġu kkunsidrati elementi ġodda fil-programmi ta' skambju u ta' mobbiltà eżistenti tal-UE (bħas-servizz ċiviku fi ħdan il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u l-passes kulturali fi ħdan DiscoverEU). Trid issir enfasi aktar qawwija fuq il-multilingwiżmu minn età bikrija, u l-lingwi minoritarji u reġjonali għandhom jiġu protetti aħjar permezz ta' istituzzjoni ddeżinjata tal-UE biex tippromwovi d-diversità lingwistika. Għandu jkun hemm kompetenza obbligatorja f'lingwa oħra tal-UE li tibda mill-iskola elementari, tagħlim ta' lingwa tal-pajjiż ġar tal-UE f'żoni transfruntiera, kif ukoll standard ċertifikabbli fl-Ingliż.
Jum l-Ewropa (id-9 ta' Mejju) għandu jsir btala pubblika fl-UE kollha, għandhom jiġu stabbiliti inizjattivi biex jipproteġu u jiċċelebraw il-wirt kulturali Ewropew, u l-professjonisti, b'mod partikolari fi kwalunkwe kriżi futura, għandhom jiġu protetti permezz tal-liġi tal-UE.
Sport: l-iżgurar ta'stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa, il-promozzjoni tad-diversità, it-tisħiħ tal-identità Ewropea: L-isport fl-UE għandu jikkontribwixxi għad-difiża tal-valuri tal-UE (l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġustizzja u l-inklużività), għal stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa u tixjiħ f'saħħtu, kif ukoll għaċ-ċelebrazzjoni tad-diversità Ewropea. Għandu jkun hemm aktar attenzjoni u appoġġ għall-isport lokali u tradizzjonali u għall-isport mhux professjonali. Huwa ssuġġerit ukoll li l-isport jintuża bħala għodda biex tintwera l-identità Ewropea, billi jiġu organizzati aktar avvenimenti sportivi fi ħdan l-UE, jinħolqu timijiet sportivi tal-UE u jintwerew simboli tal-UE f'avvenimenti sportivi.